YouVersion Logo
Search Icon

DANJEL BIL-GRIEG 9:4-10

DANJEL BIL-GRIEG 9:4-10 MB20

Tlabt lill-Mulej Alla tiegħi, stqarrejt u għedtlu: “Nitolbok, Sidi, Alla l-kbir u tal-biża’, li jżomm il-patt ma’ dawk li jħobbuh u jħarsu il-kmandamenti tiegħu, aħna dnibna, ġibna ruħna ħażin, għamilna d-deni, qomna kontra tiegħek, tbegħedna mill-kmandamenti u l-ġudizzji tiegħek, ma smajniex mill-qaddejja tiegħek il-profeti, li f’ismek kellmu lis-slaten u lill-kapijiet tagħna, lil missirijietna u lill-poplu tal-art. Il-ġustizzja, o Sid, hija min-naħa tiegħek; iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-mistħija ta’wiċċna, ta’ wiċċ kull bniedem ta’ Ġuda, ta’ wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ta’ wiċċ kulħadd f’Iżrael, sew dawk li huma hawn magħna u sew dawk li huma mbiegħda fl-artijiet li fihom inti tturufnajthom minħabba l-qerq tagħhom kontrik. Għajb għal wiċċna, Mulej, għal wiċċ is-slaten u l-kapijiet tagħna, għal wiċċ missirijietna, li dnibna kontrik. Mingħand Alla Sidna l-ħniena u l-maħfra, għax aħna qomna kontrih, u ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna meta sejħilna biex nimxu skont il-liġijiet li hu qegħdilna quddiemna permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti.